Programm taċ-Ċelebrazzjonijiet fl-okkażjoni tal-Festa Titulari ta’  San Ġiljan Ospitalier

Il-Ġimgħa, 22 t’Awwissu

Jum il-Maħfra

Fis-7.00 p.m. Liturġija Penitenzjali li fiha jiġi offrut is-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni b’mod individwali.

Fl-okkażjoni tal-Ġublew tat-Tama, l-Indulġenza Plenarja tingħata lill-Kattoliċi li jieħdu sehem fil-Quddiesa Solenni nhar il-jum tal-Festa Titulari li ssir f’xi data oħra (ttrasferita) mill-Festa Liturġika.

Waħda mill-kundizzjonijiet biex tintrebaħ din l-indulġenza hi li fi żmien għoxrin (20) ġurnata, wieħed irid ikun qerr.  Għalhekk biex nagħmluha aktar faċli li tintrebaħ din l-Indulġenza f’dan il-Ġublew sa ssir din il-Liturġija Penitenzjali.

Dakinhar ‘l Quddiesa tas-7.00 p.m. issir fis-6.30 p.m.

Is-Sibt, 23 t’Awwissu

Jum it-Tħabbira tal-Festa

7.45 p.m.: Quddiesa f’Xatt is-Sajjieda mill-Kappillan Dun Paul Mizzi animata mis-St. Julians Youth Band  fi ħdan il-Każin Banda San Ġiljan, bis-sehem tas-St Julians Choral Group  taħt id-direzzjoni tad-Direttur Mużikali Jessica Scerri Ellul. 

Wara ‘l Quddiesa jkun hemm Lejla Maltija bis-sehem tal-istess banda u kor fejn tindaqq mużika popolari taħt id-direzzjoni tal-istess Direttur Mużikali.

Illum ma ssirx il-Quddiesa tat-7.45 p.m. fil-Knisja Parrokkjali.

Il-Ħadd, 24 t’Awwissu

21 Ħadd ta’ Matul is-Sena

Il-Quddies ikun bħal ta’ nhar ta’ Ħadd.

It-Tnejn, 25 t’Awwissu

Jum id-Dilettanti tal-Festa

Ħruġ tal-Vara min-Niċċa

7.00 p.m.: Quddiesa fil-Knisja Parrokkjali mir-Rev.du Dun Jean Gove’ li jservi f’din il-parroċċa, u animata mis-St. Julian’s Choral Group, immexxi mis-Sur Brendan Attard.  Mistiedna speċjali membri tal-għaqdiet li jorganiżżaw jew jieħdu sehem attiv fil-festa ta’ San Ġiljan, dilettanti tal-festa u persuni li jisimhom għall-qaddis patrun San Ġiljan.

Wara ‘l Quddiesa, il-vara titulari ta’ San Ġiljan tinħareġ min-niċċa tagħha u titwassal sa fuq iz-zuntier tal-knisja, fejn tiġi milqugħa mill-Banda San Ġiljan li tagħtiha tislima permezz tad-daqq tal-innu popolari u innijiet u marċi oħra.

Mal-ħruġ tal-vara fuq iz-zuntier jinħarqu salut u kaxxa infernali bil-beraq minn Triq Michelanġ Borg organizzati mis-Sur Julian Sammut.

It-Tlieta, 26 t’Awwissu

Jum l-Anzjani u l-Morda

6.30 p.m.: Fil-Knisja Parrokkjali l-Antika (Ta’ Lapsi), ssir Quddiesa għall-anzjani u l-morda organiżata mill-Kummissjoni Djakonija, li fiha jiġi amministrat is-Sagrament tal-Griżma tal-Morda.  Il-Quddiesa tkun immexxija mill-W. R. Kan. Simon Sciberras, Delegat tal-Isqof għad-Djar tal-Anzjani, u animata mis-St Julian’s Choral Group taħt it-tmexxija tas-Sur Brendan Attard.

Wara jkun hemm riċeviment għall-anzjani fuq iz-zuntier tal-Knisja ta’ Lapsi.

Fis-7.00.p.m ikun hemm xorta waħda Quddiesa fil-Knisja Parrokkjali.

L-Erbgħa, 27 t’Awwissu

Jum it-Tfal u l-Adolexxenti

7.00 p.m.: Fil-Knisja Parrokkjali tiġi ċċelebrata Quddiesa għat-tfal u l-adolexxenti kollha tal-parroċċa, mir-Rev.du Dun Matthew Sammut, Saċerdot Novell. Il-Quddiesa tkun animata mill-Banda taż-Żgħażagħ tas-Soċjetà Mużikali Spinola, taħt id-direzzjoni tas-Surmast Aldo Minuti.

Wara ssir manifestazzjoni għat-tfal bl-istatwa ta’ San Ġiljan, mill-Knisja Parrokkjali sal-Knisja ta’ Lapsi. Il-manifestazzjoni tkun akkumpanjata mill-Banda taż-Żgħażagħ tas-Soċjetà Mużikali Spinola u tgħaddi minn Triq Lapsi, Triq Sant’Anġlu, Telgħet B’Kara, Triq San Mark u Triq Lapsi. Il-briju f’din il-manifestazzjoni jkun organizzat mill-grupp Briju Ġiljaniż u mill-Għaqda Dilettanti Knisja ta’ Lapsi, San Ġiljan.

Il-Ħamis, 28 t’Awwissu

Jum l-Għaqdiet

7.00 p.m. Fil-Knisja Parrokkjali ssir Quddiesa mill-W.R. Dun Martin Cardona, Kappillan tal-Parroċċa ta’ San Leonardu Ħal-Kirkop u ex-kappillan tal-parroċċa tagħna. Din il-Quddiesa tiġi organiżżata mill-Kunsill Pastorali Parrokkjali u għaliha huma mistiedna b’mod speċjali l-Kummissjonijiet Parrokkjali u l-Għaqdiet Reliġjużi u Soċjali tal-parroċċa. Il-Quddiesa tkun animata mis-St Julian’s Choral Group, taħt it-tmexxija tas-Sur Brendan Attard.

F’din il-Quddiesa, il-membri tal-Kummissjonijiet u l-Għaqdiet jippreżentaw għotja b’risq il-proġetti ta’ karità tal-parroċċa. Wara jkun hemm riċeviment.

Il-Ġimgħa, 29 t’Awwissu

Jum il-Familja

6.00 p.m. Quddiesa letta fil-Knisja ta’ Lapsi mill-W.R. Kan. Dun Marc Andrè Camilleri, Kappillan tal-Parroċċa ta’ Kristu Re, Raħal il-Ġdid. Wara ‘l Quddiesa, il-W.R. Kan. Leonard Mintoff, Viċi-Parroku tal-istess parroċċa, jinseġ priedka b’tifħir u glorja lil San Ġiljan.

Hekk kif tintemm il-priedka, tingħad il-kurunella, isir il-kant tal-innu tal-istrofi, Nomine Insignem u l-antifona, Beate Juliane (1847). Fl-aħħar tingħata l-Barka Sagramentali. Il-liturġija se tkun ppreseduta mill-W.R. Kan. Marc Andrè Camilleri.

Jieħdu sehem l-Amadeus Chamber Choir u l-orkestra taħt it-tmexxija ta’ Mro Brian Cefai. Tiġi esegwita mużika mill-Cappella Nani.

Wara, riċeviment fuq iz-zuntier għal dawk kollha li jattendu.

7.00 p.m. Fil-Knisja Parrokkjali, Quddiesa għall-familji kollha tal-parroċċa minn P. Martin Micallef O.S.A., Pirjol tal-Kommunità Agostinjana f’Paċeville, animata mis-St Julian’s Choral Group.

Mistiedna jattendu koppji li ngħaqdu fis-Sagrament taż-Żwieġ mill-festa tas-sena l-oħra sal-lum u koppji li għalqu xi anniversarju speċjali taż-żwieġ (speċjalment dawk li għalqu 25 jew 50 sena miżżewġin); familji li għandhom it-tfal li rċevew il-Magħmudija mill-festa tas-sena l-oħra; anzjani fid-djar residenzjali tal-anzjani; u persuni separati. Waqt il-Quddiesa, jkun amministrat is-Sagrament tal-Griżma tal-Morda u ssir il-preżentazzjoni tat-trabi lil San Ġiljan u tingħata tifkira. 

Wara jsir riċeviment żgħir fuq iz-zuntier għal dawk li jattendu.

Is-Sibt, 30 t’Awwissu

Lejlet il-Festa

5.45 p.m.: Quddiesa fil-Knisja Parrokkjali l-Antika (Ta’ Lapsi) mir-Rev.du Dun Zak Portelli,  saċerdot novell.

6.30 p.m.: Translazzjoni solenni bir-relikwa ta’ San Ġiljan mill-Knisja Parrokkjali l-Antika (Ta’ Lapsi) sal-Knisja Parrokkjali mmexxija mir-Rev.du Dun Stefan Attard, li jservi fil-parroċċa.

7.00 p.m.: Ir-Rev.du Dun Stefan Attard jiċċelebra Quddiesa solenni fil-Knisja Parrokkjali bis-sehem l-Amadeus Chamber Choir u l-orkestra mmexxija minn Mro. Brian Cefai. Tiġi esegwita il-Quddiesa tal-Poplu b’arranġament orkestrali u erba’ vuċijiet ta’  Mro. Brian Cefai.

Din il-Quddiesa issir minflok tas-6.30 p.m. u s-7.45 p.m.

Il-Ħadd, 31 t’Awwissu

Jum il-Festa

Il-ħin tal-Quddies ikun hekk:

8.00 a.m.: Quddiesa ċelebrata mill-W.R. Kan. Dun Martin Bruno.

9.00 a.m.: Quddiesa (fil-Knisja ta’ Lapsi) mir-Rev.du Dun Marco Portelli.

9.30 a.m.: Quddiesa solenni mmexxija mill-E.T. Mons. P. George Frendo, Isqof Emeritu ta’ Tirana, Albanija, flimkien mal-kleru tal-parroċċa li fiha jintiseġ il-paneġierku. Il-Quddiesa tkun animata mill-Amadeus Chamber Choir u l-orkestra mmexxija minn Mro. Brian Cefai. Tiġi esegwita l-Missa Brevis, b’arranġament orkestrali ta’  Mro. Brian Cefai u erba’ vuċijiet ta’ Mro. Joe Vella.

11.30 a.m.: (minflok tal-11.00 a.m. u l-12.15 p.m.)  Quddiesa bl-Ingliż mmexxija mir-Rev.du Dun Tony Agius, ex-Kappillan tal-parroċċa.

6.00 p.m.: Quddiesa letta qabel il-ħruġ tal-purċissjoni mill-W.R. Mons. Ġwann Galea, ex kappillan u li jservi fil-Parroċċa.

7.00 p.m.: Ħruġ tal-Purċissjoni bl-istatwa artistika ta’ San Ġiljan, immexxija mir-Rev.du Dun Jean Gove’,  saċerdot li jservi fil-parroċċa.  Jingħata salut mill-kaċċaturi miġbura fuq il-bejt tal-knisja. Waqt il-ħruġ tal-purċissjoni jinħarqu salut u kaxxa nfernali organizzati mis-Sur Julian Sammut minn Triq Michelanġ Borg.

Il-Banda tal-Għaqda Mużikali Santa Marija ta’ Ħal-Għaxaq, mistiedna tas-Soċjetà Mużikali Spinola, tilqa’ l-purċissjoni fuq iz-zuntier tal-knisja bid-daqq tal-innu popolari u wara takkumpanjaha matul it-toroq: Forrest, Mensija, San Ġorġ, il-Kbira, Mons. Guido Calleja, Lapsi, Sant’ Anġlu u Telgħet Birkirkara. L-istess banda tkompli marċ minn Triq il-Kbira, Trejqet Grenfell, Triq Ġorġ Borg Olivier sal-Pjazza tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù.

8:00 p.m. Il-Banda San Ġiljan tibda marċ minn quddiem il-Każin tal-Banda San Ġiljan fi Triq San Ġorġ, għall-Misraħ il-Qalb ta’ Ġesù, Triq Ġorġ Borġ Olivier sa kantuniera ma’ Triq il-Kbira.

9.00 p.m.: Il-Banda San Ġiljan, tilqa’ l-istatwa artistika ta’ San Ġiljan fi Triq Ġorġ Borg Olivier bl-innu popolari, u takkumpanja l-purċissjoni sad-dħul tagħha fil-knisja.

9.45 p.m.: Spettaklu ta’ logħob tan-nar fil-Bajja Spinola mill-Għaqda Piroteknika San Ġiljan b’akkumpanjament lill-purċissjoni li tkun għaddejja minn Triq Borg Olivier u Pjazza Spinola.

10.15 p.m.: Il-Ġiljaniżi jkunu jistgħu jerfgħu l-vara ta’ San Ġiljan tul Triq Wied Għomor sal-pont tal-knisja.

Waqt id-dħul tal-purċissjoni u l-wasla tal-vara fuq il-pont u z-zuntier tal-knisja jkun hemm akkumpanjament ta’ nar u kaxxa infernali tal-kulur minn Triq Michelang Borg organizzati mis-Sur Julian Sammut.

11.00 p.m.: Dħul tal-purċissjoni fil-knisja, milqugħa bil-kant tal-antifona Beate Juliane ta’ Dr Paolo Nani (1847) mill-Amadeus Chamber Choir. Wara ssir Ċelebrazzjoni Ewkaristika u jitkanta l-innu ta’ San Ġiljan.

Il-Ħadd, 14 ta’ Settembru

Jum il-Ħajja

Mit-8.30 a.m. sas-1.00 p.m.: Uffiċjali miċ-Ċentru Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm se jkunu qegħdin fil-Każin Banda San Ġiljan għal dawk in-nies li jixtiequ jagħtu għotja ta’ demm. Inħeġġu lill-parruċċani biex jaċċettaw din l-istedina b’għan nobbli. Din l-attività qed issir fuq inizjattiva tal-Każin Banda San Ġiljan b’kollaborazzjoni mal-Parroċċa u l-Kunsill Lokali San Ġiljan

About the author

Ikkummenta

Discover more from Parroċċa San Ġiljan

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading