Din is-sena, tlett abbatini mill-parroċċa tagħna taw servizz fil-Vatikan. Dawn kienu Stefano Mifsud Bonnici u l-aħwa Julian u Jeremy Saliba. Għal Julian, din kienet it-tieni esperjenza tiegħu fil-Vatikan.
Julian, Jeremy u Stefano ser jaqsmu magħna dawn l-esperjenzi.

Jeremy jgħidilna: “L-iktar ġurnata li għoġbitni bħala abbati ġol-Vatikan kien il-jum tal-Vestizzjoni. Din iċ-ċerimonja saret ġo La Capella del Coro, fejn ufficjalment jien u sħabi sirna abbatini tal-Basilika ta’ San Pietru u inattajna l-faxxa l-ħamra li issa saret parti mill-ilbies tagħna. Din l-esperjenza għenitni biex nagħmel ħafna ħbieb ġodda, fil-bidu kulhadd kien għalih imma sal-aħħar ġurnata konna qisna familja waħda magħquda biex tagħti servizz lil Alla. Din l-esperjenza għalmitni napprezza iktar is-servizz tiegħi bħala abbati, għalmitni inkun iktar responsabli u ngħin lil dawk ta’ madwari.”
Julian jirrakonta: “Din kienet it-tieni darba tiegħi nservi bħala abbati fil-Basilika ta’ San Pietru fejn servejt bħala helper tal-abbatini li laħqu ġodda. Din l-esperjenza ħassejtha isbaħ mill-ewwel waħda għax kont naf aħjar il-post u servizz tiegħek u b’hekk inattajt iktar responsabilita’. Ħaġa li għalmitni din l-esperjenza kienet kemm tista’ toħloq xogħol tajjeb meta kulħadd jagħti servizz tiegħu ġo grupp f’għaqda waħda.”


Stefano li għalih kienet l-ewwel esperjenza tiegħu: “L-esperjenza tiegħi fil-Vatikan kienet waħda sabiħa ħafna. Tajna ħafna servizzi differenti, fosthom servejna fil-Quddies differenti ta’ matul il-ġurnata, konna ngħinu lill qassisin biex jilbsu il-ħwejjeġ tal-Quddies u konna nakkompanjaw lill qassisin biex nohduhom il-grotti u kappelli differenti fil-Basilika Ta San Pietru. Apparti mis-servizzi għamilna diversi attivitajiet bħala grupp tal-abbatini, fosthom morna nieklu flimkien, morna nilgħabu logħba futbol, u morna il-ġnien tal-Vatikan.
Fl-esperjenza tiegħi wkoll kelli l-opportunita’ li nagħmel ħbieb ġodda. L-iktar ħaġa li laqtitni f’din l-esperjenza hija li ltqajt mal-Papa. Kienet esperjenza li ma jien ħa ninsa qatt.”














