QARI I
Imtlew ilkoll bl-Ispirtu s-Santu.
Atti 2:1-11
Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli
Meta wasal jum Għid il-Ħamsin, huma kienu lkoll flimkien f’post wieħed. F’daqqa waħda ġie mis-sema ħoss bħal ta’ riħ qawwi, u mela d-dar kollha fejn kienu qegħdin. U dehrulhom ilsna qishom tan-nar, li tqassmu u qagħdu fuq kull wieħed minnhom. Imtlew ilkoll bl-Ispirtu s-Santu u bdew jitkellmu b’ilsna oħra, skont ma l-Ispirtu kien jagħtihom li jitkellmu.
F’Ġerusalemm kien hemm xi Lhud, nies twajba minn kull nazzjon li hawn taħt is-sema. Malli nstama’ dan il-ħoss, inġabret kotra kbira, ilkoll imħawdin għax kull wieħed minnhom kien jismagħhom jitkellmu bl-ilsien tiegħu. Mibluhin u mistagħġbin, bdew jgħidu: “Dawn li qegħdin jitkellmu mhumiex ilkoll mill-Galilija? Mela kif kull wieħed minna qiegħed jismagħhom jitkellmu bi lsien art twelidu? Partin, Medin u Għelamin, nies mill-Mesopotamja, mil-Lhudija, mill-Kappadoċja, minn Pontu, mill-Asja, mill-Friġja, mill-Pamfilja, mill-Eġittu, mill-inħawi tal-Libja madwar Ċireni, nies li ġew minn Ruma, kemm Lhud u kemm prosèliti, oħrajn minn Kreta u Għarab, aħna lkoll qegħdin nisimgħuhom ixandru bl-ilsna tagħna l-għeġubijiet ta’ Alla!”.
Il-Kelma tal-Mulej.
℟. Irroddu ħajr lil Alla.
SALM RESPONSORJALI
Salm 103(104):1ab,24aċ,29bċ-30,31,34
℟. (30): Ibgħat l-Ispirtu tiegħek, Mulej, u ġedded il-wiċċ tal-art.
jew
℟. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.
Bierek ruħ tiegħi, lill-Mulej!
Mulej, Alla tiegħi, inti kbir bil-bosta!
Kemm huma kotrana l-għemejjel tiegħek, Mulej!
Mimlija l-art bil-ħlejjaq tiegħek. ℟.
Jekk teħdilhom nifishom, imutu,
u lejn it-trab jerġgħu jmorru.
Malli tibgħat in-nifs tiegħek, jinħolqu,
u inti ġġedded il-wiċċ tal-art. ℟.
Jibqa’ sebħ il-Mulej għal dejjem!
Jifraħ il-Mulej bl-għemejjel tiegħu!
Ħa togħġbu l-għanja tiegħi,
għax jiena fil-Mulej l-hena tiegħi. ℟.
QARI II
Ilkoll tgħammidna fi Spirtu wieħed biex nagħmlu ġisem wieħed.
1 Kor 12:3b-7,12-13
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin
Ħuti, ħadd ma jista’ jgħid: “Ġesù hu l-Mulej!”, jekk mhux imqanqal mill-Ispirtu s-Santu. Hemm imbagħad diversi doni, imma l-istess wieħed hu l-Ispirtu; hemm diversi ministeri, imma l-istess wieħed hu l-Mulej; hemm diversi ħidmiet, imma l-istess Alla, li jaħdem kollox f’kulħadd. Lil kull wieħed tingħata r-rivelazzjoni tal-Ispirtu għall-ġid ta’ kulħadd. Bħalma l-ġisem hu wieħed u fih ħafna membri, u l-membri kollha tal-ġisem, għad li huma ħafna, jagħmlu ġisem wieħed, hekk ukoll Kristu. Għax aħna wkoll, ilkoll tgħammidna fi Spirtu wieħed biex nagħmlu ġisem wieħed, sew Lhud sew Griegi, sew ilsiera sew ħielsa, u lkoll xrobna minn Spirtu wieħed.
Il-Kelma tal-Mulej.
℟. Irroddu ħajr lil Alla.
SEKWENZA
Spirtu s-Santu, ejja fina,
raġġ ta’ dawl qaddis agħtina,
xerrdu f’ruħna mis-smewwiet.
O Missier il-foqra tiegħek,
inti ġġib id-doni miegħek,
tagħni b’dawlek qalb l-ulied.
Inti l-aqwa faraġ tagħna,
fik kull hena xħin tkun magħna,
tħossok fewġa ħelwa r-ruħ.
Fl-għaja, lejn is-serħ twassalna;
jekk imħeġġa wisq, trażżanna;
mill-għajnejn tixxotta d-dmugħ.
O dawl hieni ta’ qdusija,
nitolbuk li bik mimlija
tkun il-qalb ta’ kull fidil.
Mingħajr dawlek li jmexxina
ebda ħajr ma jkun hemm fina,
ebda safa fil-għemil.
Naddaf kull fejn hemm it-tbajja’,
fejn hemm nixfa reġġa’ l-ħajja,
lill-miġruħ agħtih fejqan.
Rattab fina l-ebusija,
agħti lill-berdin bżulija,
għin fit-triq lil min beżgħan.
Agħti s-seba’ doni tiegħek
lil min jimxi fidil miegħek
u li fik jistrieħ kull ħin.
Agħti ’l kull virtù sabiħa
ħlas ta’ salvazzjoni sħiħa,
agħti l-ġenna lit-tajbin.
Amen. Hallelujah.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Hallelujah. ℟. Hallelujah.
Ejja, Spirtu s-Santu,
imla l-qlub tal-fidili tiegħek
u kebbes fihom in-nar ta’ mħabbtek.
℟. Hallelujah.
EVANĠELJU
Ħudu l-Ispirtu s-Santu.
Ġw 20:19-23
Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann
Dak il-Ħadd filgħaxija, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”. Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej. Imbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: “Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom”. Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma”.
Il-Kelma tal-Mulej.
℟. It-tifħir lilek, Kristu.

