TALB GĦAS-SINODU TAL-ISQFIJIET
Fi ftit ġimgħat oħra,Isqfijiet minn madwar id-dinja kollha ser jiltaqgħu Ruma għas-Sinodu Straordinarju dwar‘l-isfidi pastorali tal-familja fil-kuntest tal-evanġeliżazzjoni’,li ser isir bejn il-5 u d-19 ta’ Ottubru li ġej. Dan ser ikun mument qawwi għall-Knisja kollha u għaldaqstant kull Nisrani hu msejjaħ biex jissieħeb u jagħti sehmu. Peress li fuq kollox din il-laqgħa tal-Isqfijiet ser tkun mument qawwi ta’talb, il-Papa Franġisku qed iħeġġeġ biex nhar il-Ħadd 28 ta’ Settembru 2014,l-Insara tad-dinja kollha jingħaqdu qalb waħda u ruħ waħda fit-talb bi tħejjija għal dan is-Sinodu.Ilkoll għandna nitolbu lill-Ispirtu s-Santu ħalli jdawwal il-qlub tar-ragħajja tal-Knisja sabiex il-Vanġelu tal-Familja jerġa’ jinstema’ bħala ‘b’xara tajba’ għall-bnedmin kollha fi żminijiet fejn il-familja tinsab għaddejja minn bosta diffikultajiet.
Għalhekk,inħeġġu lill-Insara tal-gżejjer tagħna biex ningħaqdu flimkien u nagħmlu talba ħerqana lil Alla ħalli bħala Knisja nkunu nistgħu nwieġbu għall-isfidi pastorali li qed jiltaqgħu magħhom il-familji fi żmienna. Inħeġġu sabiex fil-komunitajiet parrokkjali u fid-djar tagħna, kemm nhar it-28 ta’ Settembru kif ukoll fil-ġranet ta’ qabel u ta’ waqt is-Sinodu, tingħad it-talba annessa li l-Papa kiteb lill-Familja Mqaddsa u jsir talb speċjali għal din il-laqgħa. Ikkunsidrat li x-xahar ta’ Ottubru huwa x-xahar tar-Rużarju, inħeġġu lill-Insara, partikularment lill-familji, biex jgħidu t-talba tar-Rużarju.
Nitolbu għalhekk bl-interċessjoni tal-Familja Mqaddsata’ Ġesù, Marija u Ġużeppi, sabiex dan is-Sinodu jkun mument ta’ grazzja u tiġdid għall-Knisja u għall-familji tad-dinja kollha.
MARIO GRECH PAWLU CREMONA O.P.
Isqof ta’ Għawdex Arċisqof ta’ Malta
President tal-Konferenza Episkopali
CHARLES J.SCICLUNA
Isqof Awżiljarju u Vigarju Ġenerali ta’ Malta
Ġesù,Marija,Ġużeppi,
Fikom aħna nikkontemplaw
il-ġmiel tal-imħabba vera,
lejkom induru b’fiduċja sħiħa.
Familja Mqaddsa ta’ Nazaret
Agħmel li l-familji tagħna
Jkunu mkejjen ta’ għaqda u ċenakli ta’ talb,
Skejjel veri tal-Evanġelju,
U knejjes żgħar fid-djar tagħna.
Familja Mqaddsa ta’ Nazaret
Żomm bogħod mill-familji tagħna
kull vjolenza,rifjut u firdiet:
u agħmel li dawk li sfaw mweġġgħin jew skandalizzati,
isibu faraġ u fejqan.
Familja Mqaddsa ta’ Nazaret
Għin lis-Sinodu tal-isqfijiet li ser jiltaqa’
biex jerġa’ jfakkarna fil-qdusija,
fil-ħarsien bla mittiefes tal-familja,
u fis-sbuħija tagħha skont il-pjanta’ Alla.
Ġesù,Marija,Ġużeppi,
Isimgħu u ilqgħu din it-talba tagħna.
Ammen.
TALB TAL-FIDILI
Miġburin bħala l-familja t’Alla ngħollu ħsibijietna u qlubna lejn il-Missier biex il-familji tagħna msaħħin mill-grazzja ta’ Kristu, ikunu tassew knejjes ċkejkna fid-dar, fejn dawk li jgħixu fihom jagħtu xhieda tal-imħabba ta’Alla.
Ngħidu flimkien: Bierek Mulej u qaddes il-familji tagħna.
1 Għall-Papa Franġisku li l-Mulej sejjaħlu biex imexxi l-Knisja tiegħu bl-imħabba, ħalli jgħinu biex iseddaq l-għaqda bejn l-isqfijiet u fost il-Poplu kollu ta’ Alla. Nitolbu.
2 Għall-mexxejja tan-nazzjonijiet biex l-Ispirtu s-Santu jnebbaħhom ifasslu politika li ġġib ’il quddiem il-valur tal-familja bħala ċ-ċellula fundamentali tas-soċjetà skont il-pjan t’Alla, u biex jgħinu lill-familji fil-bżonn. Nitolbu.
3 Għall-familji Nsara, biex il-Mulej li ssiġilla l-għaqda tagħhom bil-preżenza tiegħu waqt iż-żwieg tagħhom, jagħmilhom ċenakli ta’ talb u komunitajiet ħajja ta’ mħabba, fuq l-eżempju tal-Familja Mqaddsa ta’ Nazaret. Nitolbu.
4 Għall-miżżewġin li bħalissa għaddejjin minn diffikultajiet biex Alla, għani fil-ħniena, ikunu preżenti fosthom permezz tal-Knisja omm, li turihom li qed tifhimhom u tgħinhom biex jaslu għall-maħfra u r-rikonċiljazzjoni. Nitolbu.
5 Għat-tfal, li Sid il-ħajja laqagħhom bil-ferħ u għamilhom xempji għal min irid jidħol fis-saltna tiegħu, biex għall-ħarsien tagħhom nagħrfu nirrispettaw il-ħajja sa mill-ewwel waqt tat-tnissil tagħha u nipprovdulhom trobbija bbażata fuq valuri Nsara. Nitolbu.
6 Għaż-żgħażagħ biex il-Mulej, li bierek it-tieġ ta’ Kana, jgħinhom jagħrfu s-sbuħija tal-qdusija tal-familja skont il-pjan t’Alla, u jieqaf mal-għarajjes fil-mixja tagħhom lejn iż-żwieġ Nisrani. Nitolbu.
O Alla li tibqa’ tħares l-opri ta’ jdejk, isma’ t-talb tagħna u ibgħat l-Ispirtu Qaddis tiegħek ħalli jdawwal lill-Knisja waqt dan is-Sinodu, biex tikkontempla s-sbuħija tal-imħabba safja li tidher fil-Familja Mqaddsa ta’ Nazaret. Għamel Mulej li l-Knisja titgħallem il-libertà u l-ubbidjenza biex twieġeb bil-qawwa u bil-ħniena għall-isfidi li għandhom quddiemhom il-familji fid-dinja tal-lum. Bi Kristu Sidna. Ammen